Dibattiti tal-kamra tad-deputati


L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. de Marco. ONOR. MARIO de MARCO



Yüklə 95,21 Kb.
səhifə4/5
tarix28.07.2018
ölçüsü95,21 Kb.
#59302
1   2   3   4   5

L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. de Marco.
ONOR. MARIO de MARCO: Sur President, bejn wieħed u ieħor il-bniedem ilu 50,000 sena jgħix fuq din il-pjaneta, iżda minkejja dawn l-eluf ta’ snin kollha, bħala razza għadna qegħdin nipprovaw dejjem niddefinixxu lilna nfusna, u d-definizzjoni tagħna mhijiex waħda faċli għax il-bniedem min-natura tiegħu jinbidel. Aħna nibdlu l-mod ta’ kif ngħixu, nibdlu l-ambjent li ngħixu fih u naddattaw ma’ kull ambjent ġdid. Nivvintaw skoperti ġodda, u ma’ kull skoperta l-ħajja tagħna tinbidel. Iżda mbagħad, Sur President, hemm ċerti affarijiet li kienu, għadhom u se jibqgħu l-istess. Aħna l-unika razza fid-dinja li għandna d-doni tal-għerf u tal-ħsieb.
Aħna wkoll ir-razza li taġixxi bi ħsieb u b’rispett, u huwa preċiżament għaliex aħna, bħala razza, għandna l-fakultà tal-ħsieb nistgħu nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u għandna wkoll id-drittijiet u d-dmirijiet. Biex nipproteġu dawn id-drittijiet u d-dmirijiet, Sur President, aħna nfasslu l-liġijiet, u din ir-razza umana, is-soċjetà li ngħixu fiha, hija ggwidata ta’ kuljum bid-dritt u bis-saltna tal-liġi kif ukoll bin-normi tas-soċjetà li aħna ngħixu fiha. Imma proprju għaliex is-soċjetà tagħna tinbidel, dawn il-liġijiet u n-normi jinbidlu wkoll, u ta’ dan m’għandniex għaliex niskantaw. Anzi, Sur President, hawn jien irrid nenfasizza li allaħares dan ma kienx il-każ. L-importanti huwa li kull bidla li ssir issaħħaħ u mhux iddgħajjef il-bażi li fuqha hija mibnija s-soċjetà tagħna. Issa jien nistaqsi: X’inhi din il-bażi tas-soċjetà li aħna lkoll nifformaw parti minnha? Ngħid għalija, li kieku kelli nagħżel żewġ kelmiet li jirrappreżentaw il-bażi ta’ kull soċjetà fl-eluf ta’ snin tagħha, kont nagħżel żewġ kelmiet; “l-imħabba” u “r-rispett”.
Ħalli nibda bl-ewwel waħda, forsi b’ton kemmxejn romantiku, l-imħabba! Min-natura tagħha l-imħabba hija ħielsa minn kull regola. Jgħidu li l-ebda liġi ma tista’ qatt tirregola jew wisq aħjar tiddefinixxi l-imħabba, u hekk hu. L-ebda liġi ma tista’ jew m’għandha tgħidlek lil min għandek tħobb jew lil min tista’ tħobb. Iżda minkejja dan kollu, għal sekli sħaħ is-sistema leġiżlattiva tal-bniedem għamlet liġijiet li jiddefinixxu x’tip ta’ mħabba tista’ u għandha tiġi rikonoxxuta mis-soċjetà. Kellna liġijiet li jagħrfu l-imħabba bejn raġel u mara u ma jagħrfux l-eżistenza jew il-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ mħabba bejn koppji tal-istess sess. Iżda l-makna taż-żmien, il-makna li tbiddel u l-makna li ġġib il-bidla kull fejn hemm bżonn, issa qiegħda tagħraf li dan mhuwiex ġust.
Is-soċjetà qed tagħraf li m’għandux ikun hemm limitazzjoni ta’ orjentazzjoni sesswali fuq tnejn min-nies li jinħabbu u li jixtiequ jsarrfu dik l-imħabba f’kuntratt li jorbothom għal ħajjithom kollha, u anke aħna, Sur President, bħala pajjiż qegħdin nagħmlu dan il-pass. Iżda, kif qalu l-kelliema ta’ qabli u m’għandix dubju li se jgħidu wkoll il-kelliema ta’ warajja, hemm min għadu jħoss dan il-pass tqil wisq, u din jien nifhimha. Din mhijiex kwestjoni ta’ għażla jew fehma ta’ min hu liberali jew mhuwiex liberali, ta’ min hu konservattiv jew mhuwiex konservattiv, ta’ min hu reliġjuż jew ta’ min hu anqas reliġjuż. Iżda dan il-punt iġibni għat-tieni kelma li semmejt qabel, jiġifieri għall-kelma “rispett”, dak ir-rispett li għandu jorbotna f’kull ġurnata ta’ ħajjitna f’kull azzjoni li nagħmlu fis-soċjetà, f’kull liġi u f’kull norma li aħna niddiskutu f’din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Is-soċjetà tagħna tista’ tkun soċjetà tajba biss jekk tagħraf tirrispetta lil kulħadd, rispett indaqs, rispett ugwali, rispett dejjem u rispett kullimkien. Fuq kollox ir-rispett għandu jkun ħieles minn kull diskriminazzjoni u jagħraf li mhux kulħadd huwa l-istess, anzi kulħadd huwa differenti, iżda li fuq kollox, minkejja dawn id-differenzi ta’ bejnietna, kulħadd huwa uman, u dik hija x-xi ħaġa li għandha tgħaqqadna. Ġaladarba kulħadd huwa uman bil-kuluri differenti tiegħu - u hawn m’iniex qed nirriferi biss għall-kulur tal-ġilda iżda aktar għall-kulur tal-karattru tagħna - irridu u għandna bżonn liġijiet u normi li jirriflettu u jirrispettaw din id-diversità ta’ bejnietna. Għalhekk aktar ma nagħmlu minn dawn it-tip ta’ liġijiet, is-soċjetà tagħna aktar tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef. Hawnhekk nixtieq nerġa’ nenfasizza li aktar ma nagħmlu minn dawn il-liġijiet aktar inkunu qed insaħħu s-soċjetà tagħna, għax wara kollox li qegħdin nagħmlu hu li nirrikonoxxu r-realtaijiet li jeżistu fis-soċjetà tagħna u li forsi aħna ilna nagħtuhom il-ġenb għal snin twal.
Jingħad li mhux kulħadd isibha faċli biex jinbidel, u mhux kulħadd isibha faċli biex jagħraf l-importanza tal-bidla, lanqas. L-aktar ħaġa faċli fil-ħajja tagħna hija li ma ninbidlux, li ma nagħrfux il-bidla u li ninjoraw l-eżistenza ta’ bidla fostna. Irrid ngħid li l-Partit li jien kburi li nifforma parti minnu forsi wkoll ħass dan it-toqol, u fil-passat dan it-toqol żammna lura milli nimxu b’pass aktar determinat u mgħaġġel sabiex nagħrfu din il-bidla. Issa hawnhekk, Sur President, jien se nitkellem għalija nnifsi billi ngħid li ta’ dan jien irrid nitlob skuża. Irrid nitlob skuża ta’ kemm forsi ddiżappuntajna f’dan ir-rigward.
Irrid nitlob skuża lil min forsi stenna aħjar minna. Irrid nitlob skuża lil min forsi b’għemilna jew inkella bin-nuqqas ta’ għemil tagħna aħna weġġajnieh. Irrid nitlob skuża lil min ma fehemx kif il-Partit li ta tant drittijiet - u ejjew ma ninsewx li meta dan il-Partit tagħna kien ġie elett fl-elezzjoni ġenerali tal-1987, l-ewwel abbozz ta’ liġi li kien għadda kien proprju dak l-abbozz ta’ liġi li daħħal il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala parti mil-liġi domestika ta’ pajjiżna - fl-istess nifs dan il-Partit żamm lura fuq id-dritt tal-unjoni ċivili.
Jekk inħares lura lejn il-karriera politika tiegħi, liema karriera kellha kemm tlajja’ kif ukoll inżul, naħseb li għalija l-iżjed ġurnata diffiċli kienet proprju dik il-ġurnata meta aħna astjenejna fuq il-vot tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Unjonijiet Ċivili. Dik kienet l-aktar ġurnata li lili weġġgħetni politikament u dik kienet l-aktar ġurnata li jien ħassejt ġo fija. Imma jekk dik il-ġurnata kienet diffiċli, nassigurakom li l-ġurnata li fiha jien ma’ sħabi u mal-kollegi tiegħi f’dan il-Parlament se nivvotaw favur dan l-Abbozz ta’ Liġi se tkun ġurnata ħafna anqas diffiċli għax naf li se nkun qed nieħu d-deċiżjoni t-tajba. Dan qed ngħidu għax jien nara dan l-Abbozz ta’ Liġi bħala pass ’il quddiem li se jkompli jsaħħaħ ir-rispett u d-dritt tal-ugwaljanza fis-soċjetà tagħna.
Jekk hemm xi ħaġa li jien dejjem emmint fiha, din hija d-dritt tal-ugwaljanza ta’ kulħadd, jiġifieri li aħna m’għandna l-ebda dritt inħallu lil ħadd jiġi umiljat minħabba d-differenzi u l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Għalhekk jekk nirrikonoxxu li koppja tal-istess sess għandha d-dritt tal-imħabba u tar-rispett, aħna għandna d-dmir, anzi jien ngħid li aħna, bħala leġiżlaturi, għandna l-obbligu li nagħtuhom id-dritt ugwali li jiżżewġu bħal kulħadd. Wara kollox aħna stess nirrikonoxxu d-dritt li ma nħallu l-ebda liġi tiddiskrimina fil-konfront tagħhom permezz ta’ artiklu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u m’għandna nagħmlu l-ebda eċċezzjoni fil-Kostituzzjoni tagħna għal dak li jirrigwarda l-Att dwar iż-Żwieġ, għax id-dritt tal-ugwaljanza qatt m’għandu jkollu eċċezzjoni.
Nikkonkludi billi ngħid li forsi hemm min jista’ jaħseb li dan l-Abbozz ta’ Liġi jmur lil hinn mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-politika tal-Partit tiegħi, li nerġa’ ngħid jien tant kburi li nifforma parti minnu. Filwaqt li nirrispetta lil min jista’ jkollu din l-opinjoni, jien ma naqbilx magħha. Il-qofol tal-politika demokristjana u ta’ kull valur kristjan huwa l-bniedem u huwa l-individwu. Mhuwiex ir-raġel u lanqas hija l-mara, iżda huwa l-bniedem fid-diversità kollha tiegħu. Għalhekk, għax fil-qofol tal-politika u tat-twemmin tagħna aħna nqiegħdu lill-bniedem, kull liġi li nagħmlu trid tirrispetta lill-bniedem. Fil-fatt b’dan l-Abbozz ta’ Liġi dak hu li se nkunu qegħdin nagħmlu, se nagħtu rispett, se nagħtu dinjità u se nagħtu ugwaljanza lil kull bniedem, irrispettivament mis-sess u mill-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Gouder.
ONOR. KARL GOUDER: Sur President, bla dubju ta’ xejn dan huwa mument importanti ħafna f’pajjiżna, u għalhekk jien ninsab kburi li nifforma parti minn dan il-Parlament għax b’hekk jien ukoll nista’ nagħti l-kontribut tiegħi għal dan id-dibattitu. Huwa diffiċli li tagħmel diskors wara d-diskors li għamel l-Onor. de Marco, għax naħseb li jekk kien hawn xi ħadd li kellu xi dubju dwar kemm aħna konvinti dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, meta sema’ d-diskors tal-Onor. de Marco żgur li nduna li n-naħa tagħna hija konvintissima minn dak li qed ngħidu, hekk kif nista’ nassigura lil kulħadd li jien ukoll konvintissimu minn dak li qiegħed ngħid.
Il-fatt li matul dawn l-aħħar jiem f’pajjiżna qed iqum dibattitu dwar il-liġi taż-żwieġ juri li f’pajjiżna għad hawn min qed isibha bi tqila biex jifhem li m’hemm assolutament l-ebda differenza bejn persuna omosesswali u persuna eterosesswali. Lili dan il-fatt bħala politiku jiftaħli ftit għajnejja li għad fadlilna ħafna x’nagħmlu biex forsi f’dan il-pajjiż nikkonvinċu lil kulħadd darba għal dejjem li assolutament m’hemm l-ebda differenza bejn persuna omosesswali u persuna eterosesswali. Kif qal il-Ministru Bonnici, jien nifhem li t-tagħlim li kienu jagħtuna sa ftit snin ilu kien differenti u għalhekk nifhem ukoll li llum forsi għad hawn min qed isibha diffiċli jara soċjetà li qiegħda tinbidel għall-aħjar.
Sur President, l-Onor. de Marco qal li l-aktar żewġ kelmiet kruċjali huma l-imħabba u r-rispett. Fil-fatt is-soċjetà ilha snin twal tipprova tiddefinixxi l-kelma “mħabba”, u llum kull ma qed nagħmlu huwa li nifhmu li ma nistgħux nagħmlu regoli jew definizzjonijiet għall-imħabba. Jien naħseb li fl-aħħar is-soċjetà tagħna qed tasal f’punt fejn qed tifhem x’inhi r-realtà umana, u allura ovvjament aħna, li qegħdin hawnhekk biex nagħmlu l-liġijiet, qed nifhmu l-bżonn li nagħmlu liġijiet li jirrispettaw proprju din ir-realtà umana u mhux bil-kontra, jiġifieri nagħmlu liġijiet li ma jirrispettawx din ir-realtà umana b’affarijiet li niddefinixxu aħna. Dan huwa mument importanti għal kull Deputat li hawn f’dan il-Parlament, u huwa f’mumenti bħal dawn li aħna nistgħu nieħdu l-opportunità li nieqfu u naħsbu ftit x’tip ta’ soċjetà rridu, fejn irridu nieħdu s-soċjetà tagħna u kif għandna nħarsu lejn Malta u Għawdex tagħna.
Jien dħalt fil-poltika proprju biex nara li l-ewwel u qabel kollox ħadd ma jibqa’ lura, anzi aktar minn hekk, biex kulħadd jimxi ‘l quddiem. Meta kont involut fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) dejjem konna ngħidu li meta nitkellmu fuq “kulħadd” inkunu qed nitkellmu fuq kull individwu, u naħseb li llum qed nirrikonoxxu li kull individwu għandu d-differenzi u d-diversità tiegħu, u allura li qegħdin nipprovaw nagħmlu llum huwa li qed nipprovaw nirregolaw dawn id-differenzi. Jien irrid ngħix f’soċjetà fejn kulħadd ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet li jidhirlu li għandu jieħu u, aktar minn hekk, fejn kulħadd ikun jista’ jgħix il-ħajja li hu jidhirlu li hija l-aħjar għalih sakemm ovvjament b’dak li jkun qed jagħmel ma jkun qed iweġġa’ lil ħadd. Naħseb li dan huwa dak li qegħdin nagħmlu f’din il-Kamra llum. Jien bħala politiku nħoss li għandu jkun proprju dan il-prinċipju li jmexxina sabiex nieħdu din id-deċiżjoni.
L-Onor. Agius qal li f’dan l-Abbozz ta’ Liġi hemm affarijiet li fuqhom għandna npoġġu bilqiegħda u naraw kif nistgħu nemendawhom. Jien nixtieq li wieħed isegwi din id-diskussjoni anke permezz tal-midja soċjali għax inħoss li l-qofol tad-diskussjoni mhuwiex jekk persuni gay għandhomx ikollhom id-dritt li jiżżewġu jew le. Għalkemm hemm dik id-diskussjoni għaddejja wkoll, jien aktar qed inħoss li parti sostanzjali mis-soċjetà Maltija mhijiex qed taqbel ma’ ċerti nomenklaturi u li jitneħħew il-kliem “omm” u “missier” jew “husband” u “wife”. Jien naħseb li hawnhekk is-soċjetà Maltija għandha tieħu l-opportunità li tingħaqad, anke għaliex ninsab konvint li fi stadju ta’ Kumitat, bi ftit good will miż-żewġ naħat, jista’ jkun li minflok nagħmlu sostituzzjoni, inżidu.
Jien għandi kull rispett lejn min qed jistaqsi għaliex għandna nneħħu l-kliem “omm” u “missier”, u konvint li flimkien nistgħu nsibu mod kif in-nies li jħossu b’tant saħħa ... Wara kollox jien għandi omm u missier ukoll, bħalma għandu kulħadd hawn ġew, u allura żgur li ħadd ma għandu jsib problema biex dawn il-kliem jibqgħu jissemmew fil-liġi tagħna. Il-Gvern qal li wieħed m’għandux bżonn il-liġi biex isejjaħ lil ommu “ma’” jew lil missieru “pa’”, u din hija xi ħaġa ovvja, imma jekk nistgħu nerġgħu ndaħħlu dan il-kliem fil-liġijiet tagħna nkunu qed nagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna għax wara kollox dan assolutament mhu se jagħmel l-ebda differenza fil-prinċipju ta’ dak li qed niddiskutu llum.
Għalhekk inħares b’fiduċja għad-diskussjonijiet li se jkun hemm fl-istadju ta’ kumitat, u l-appell ġenwin tiegħi lejn in-naħa l-oħra huwa biex nidħlu fl-istadju ta’ Kumitat b’ċerta flessibbiltà. Jien m’iniex qed ngħid li għandu jkun hemm flessibbiltà fil-prinċipju, għax fil-prinċipju qed naqblu. Fil-fatt iż-żewġ kelliema min-naħa tal-Oppożizzjoni li tkellmu qabli diġà għamluha ċara li qed jaqblu mal-prinċipju ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, u jien ovvjament bl-istess ċarezza ngħid li l-Oppożizzjoni se tivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi għax aħna naqblu mal-prinċipju tiegħu, anzi konvintissimi dwaru, imma hemm ċerti emendi li naħseb nistgħu nagħmluhom flimkien.
Jien m’iniex se ndum ngħid iktar, Sur President, u għalhekk se nikkonkludi billi ngħid li hawnhekk qed nagħmlu xi ħaġa tajba flimkien. Jien inħoss li s-soċjetà Maltija kollha għandha tkun parti minn dak li qed nagħmlu għax għada pitgħada n-nies għad iħarsu lejna u jgħidu li dak iż-żmien kien hemm dawn il-persuni li ħadu d-deċiżjoni t-tajba. Grazzi ħafna, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Farrugia.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Sur President, kemm qed inħossni kburija llum bħala Membru ta’ dan il-Parlament illi qed nara lill-Oppożizzjoni tħobb lil kulħadd ukoll b’konvinzjoni fis-soċjetà tagħna u fejn qed nara liż-żewġ naħat tal-Kamra jiftħu din it-13- Leġiżlatura b’seduta fejn jidher li se jintlaħaq kunsens. L-għan tagħna lkoll li qegħdin hawn ġew huwa li aħna nwettqu progress b’għan, progress with a purpose, u naħseb li l-aktar għan nobbli li jista’ jkollna lkoll kemm aħna f’dan il-Parlament huwa li kull persuna fis-soċjetà tagħna, ġejja minn fejn ġejja u twieldet kif twieldet, ikollha ċ-ċans tgħix f’dan il-pajjiż mingħajr żebliħ, mingħajr preġudizzju u, l-aktar ħaġa importanti, hija li tgħix kuntenta. Dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa pass ieħor fit-triq lejn l-ugwaljanza u huwa pass li bih aħna, fis-soċjetà tagħna, qed noħolqu din l-ugwaljanza, li kull ma jmur aktar qed inkunu konvinti lkoll kemm aħna li hawn bżonnha.
Għal dawk li forsi minħabba raġunijiet ta’ reliġjon għadhom iħossuhom mhumiex ċerti kif iħarsu lejn dan l-Abbozz ta’ Liġi, jien ngħidilhom li qatt ma ħassejtni Kristjana daqs illum, għax min għandu r-reliġjon li għandi jien, il-Kristjaneżmu, jaf li fil-qalba ta’ din ir-reliġjon hemm l-imħabba lejn il-proxxmu, u allura din il-liġi se tkun qed tesprimi l-qalba tar-reliġjon tagħna għax aħna rridu naraw li fis-soċjetà tagħna ħadd ma jibqa’ lura, ħadd ma jiġi ppreġudikat u ħadd ma jiġi ddiskriminat. Però jiena nixtieq li mmorru oltre milli niktbu l-liġijiet, għax liġijiet nistgħu nġibu kemm irridu u nistgħu napprovawhom anke b’kunsens storiku, bħalma se nagħmlu fir-rigward ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna.
Imma mbagħad aħna rridu naraw li dawn jissarrfu f’ħidma u f’azzjoni fis-soċjetà tagħna b’mod li din tkun tirrifletti l-animu ta’ dawk il-liġijiet. Ikun kollu għalxejn li nitkellmu fuq l-ugwaljanza jekk imbagħad ma’ kull opportunità li jkollna aħna nesprimu ruħna b’disprezz lejn sitwazzjoni jew oħra u lejn sess jew ieħor. Għalhekk jiena nawgura li aħna nkunu ta’ sapport għall-familji li qed jinħolqu minn dawn il-liġijiet li qed nagħmlu, u dan mhux biss f’dak il-jum li aħna nagħtuhom in-nomenklatura, imma nkunu ta’ sapport għalihom minn meta dawn il-familji jinħolqu sa l-iżvilupp kollu tagħhom, inkluż fl-iżvilupp tat-tfal li se jkunu parti minn dawn il-familji.
Jien m’għandix wisq ħin għad-dispożizzjoni tiegħi għax għad hemm min irid jitkellem, però hawnhekk xtaqt nieħu l-opportunità wkoll illi nawgura lill-Partit Laburista li qiegħed fuq l-għatba biex jagħżel Deputat Kap. Jien nappellalu biex jerġa’ jagħmel l-istorja. Għandhom kontenditur mara, u għandhom jagħżluha mhux għax hi mara imma għax hi mara kapaċi. Issa jiena naħseb li min qed isegwina jaf li mhux l-ewwel darba li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejni u bejn il-Ministru, però nista’ ngħid li għalkemm il-Ministru tista’ ma taqbilx magħha, tista’ taħdem magħha.
Mela apparti milli nagħmlu l-istorja bil-liġi li qed ngħaddu llum minn dan il-Parlament, jiena nistieden lis-soċjetà kollha biex tpoġġi moħħha hemm għax aħna m’għandniex niġġieldu biss għad-drittijiet tal-minoranzi imma għandna niġġieldu wkoll għad-drittijiet tal-maġġoranzi, bħalma huma n-nisa. Jiena nappella lill-Ministru biex inressqu mill-aktar fis ukoll abbozz ta’ liġi ieħor li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ dawk vulnerabbli, l-abbozz ta’ liġi dwar il-vjolenza domestika. Nappella lill-Ministru biex dan l-abbozz ta’ liġi mhux biss jgħaddi minn dan il-Parlament mill-aktar fis possibbli imma li nagħmlu upgrade lill-istrutturi kollha neċessarji li jeżistu ħalli l-ugwaljanza tkun teżisti fis-soċjetà tagħna bil-fatti u mhux bid-diskors biss. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Comodini Cachia.
ONOR. THERESE COMODINI CACHIA: Sur President, l-Abbozz ta’ Liġi li ġie mressaq mill-Gvern huwa wieħed li żgur se jqanqal f’ħafna nies xi forma ta’ konflitt, konflitt bejn l-aspett ċivili tal-ħajja li ngħixu u anke bejn l-aspett spiritwali li kull wieħed minna jagħżel għalih, iżda li flimkien mal-aspett ċivili tal-ħajja jgħaqqadna bħala soċjetà jew idaħħal xquq ta’ diskonkordanza fl-istess komunità. Għalhekk inħoss li għandi l-obbligu li ngħid li dan l-Abbozz ta’ Liġi jew il-metodu ta’ kif jiġi mdaħħal fil-liġi bl-ebda mod m’għandu jqanqal diskonkordanzi fis-soċjetà Maltija. Dan ifisser li filwaqt li bid-dħul ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi s-soċjetà Maltija se tkun qed issewwi parti mid-dannu li kkawżat matul is-snin lill-komunità LGBTIQ, irridu noqogħdu attenti ferm li dan l-Abbozz ta’ Liġi ma jaljenax lil dik il-komunità li għal raġunijiet ta’ twemmin spiritwali tħoss illi l-kelma “żwieġ” għandha tkun użata biss għal unjoni bejn mara u raġel.
Din m’għandhiex tkun komunità kontra l-oħra iżda għandha tkun azzjoni ta’ rispett u ta’ rikonoxximent tad-diversità ċivili fis-soċjetà tagħna. Kien u jibqa’ ħażin li persuni LGBTIQ jiġu ddiskriminati, imżebilħa u limitati milli jilħqu l-potenzjal tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja b’konsegwenza ta’ ġudizzju ibbażat fuq diżrispett, nuqqas ta’ tolleranza u ġudizzju tat-triq. Is-soċjetà Maltija ma jixirqilhiex li tippermetti ħsara, vjolenza, tgħajjir jew inġustizzji ma’ persuna sempliċement minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Kull persuna omosesswali jixirqilha rispett, opportunitajiet indaqs u rikonoxximent bħala persuna sħiħa. L-iżvilupp ta’ persuna mhuwiex sħiħ u komplet jekk dik il-persuna tkun imċaħħda mir-rikonoxximent ta’ relazzjonijiet interpersonali li hija kapaċi tibni m’oħrajn, u fost dawn ir-relazzjonijiet hemm relazzjoni ibbażata fuq l-imħabba, fuq l-emozzjoni, fuq ir-rispett u fuq ir-responsabbiltajiet li wieħed huwa lest jieħu għal ħajtu fil-konfront ta’ persuna oħra.
Meta relazzjoni bħal din hija bejn koppja tal-istess sess żgur li għal din il-koppja l-kelma “żwieġ” hija importanti u dik il-koppja tqis il-kelma “żwieġ” bħala deskrizzjoni xierqa għar-relazzjoni ta’ bejniethom. Dan ir-rikonoxximent fil-kamp ċivili, jew aħjar fl-istitut legali, li jirregola r-rikonoxximent tar-relazzjoni interpersonali għandu jressaqna viċin il-komunità LGBTIQ u b’hekk inkunu qed insewwu ftit mill-ħsara tal-weġgħat ikkawżati minn preġudizzji soċjali. B’dan il-mod inkunu qegħdin nirrikonoxxu r-relazzjoni interpersonali bejn żewġ persuni li huma lesti li jieħdu r-responsabbilità ta’ xulxin iżda fl-istess ħin mingħajr ma naljenaw jew inċaħħdu lil dawk il-Maltin li jridu jagħżlu żwieġ regolat mill-Knisja u mir-reliġjon. Dan huwa l-kontest soċjali ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, iżda mbagħad hemm ukoll il-kontest legali u proċedurali li jagħti sfond lil dan l-istess Abbozz ta’ Liġi.

Sur President, illum f’pajjiżna għandna liġi li tgħid li unjoni ċivili bejn koppji tal-istess sess hija ugwali fl-effetti u l-konsegwenzi tagħha għall-unjoni taż-żwieġ. Fl-istess ħin għandna liġi taż-żwieġ li ftit li xejn tagħmel distinzjoni, anzi ma tagħmilx distinzjoni bejn żwieġ bir-rit reliġjuż u dak bir-rit ċivili, kemm fil-kriterji, kemm fil-kondizzjonijiet kif ukoll fit-tifsira tiegħu. Fil-fatt, skont il-liġi tal-lum, it-tifsira ta’ żwieġ ċivili u dak reliġjuż hija l-istess. Issa filwaqt li l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili jqiegħed l-unjoni ċivili u ż-żwieġ fuq l-istess livell - u allura b’dan il-mod diġà beda jsewwi l-weġgħat imposti fuq persuni LGBTIQ - dan l-Att ma jagħmilhiex ċara li f’din l-ugwaljanza imperfetta li ħolqot il-liġi qiegħda tiġi protetta mill-Istat dik it-tifsira li r-rit reliġjuż jagħti liż-żwieġ.


Però dan l-Abbozz ta’ Liġi li qegħdin niddiskutu llum jagħmilha ċara li issa dan il-Parlament qiegħed idaħħal distinzjoni bejn it-tifsira ta’ żwieġ ċivili u dak reliġjuż. Issa dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jagħti assigurazzjoni lil dawk il-Maltin li jridu li ż-żwieġ tagħhom ikun regolat mill-Knisja li t-tifsira u r-rit spiritwali taż-żwieġ hija garantita anke mill-Istat. Dan l-Abbozz ta’ Liġi jagħmilha ċara wkoll li fil-liġi m’hemm xejn illi jimponi xi obbligu fuq persuni reliġjużi. Huwa minħabba dawn il-garanziji li meta niġu għall-vot jiena wkoll se nagħżel li nivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi, għax filwaqt li aħna, bħala soċjetà ċivili, għandna nirrispettaw u nsewwu l-ħsara li saret lil persuni LGBTIQ, bl-istess mod għandna nirrispettaw u ma nagħmlux ħsara lil dawk il-Maltin li jemmnu fi żwieġ reliġjuż.
Sfortunatament f’Malta l-konċett taż-żwieġ qed narawh bħala wieħed relattiv minflok universali, però dan m’għandux ifisser li allura għandna nikkanċellaw il-konċett ta’ mara u ta’ raġel, ta’ omm u ta’ missier u ta’ ġenitur jew ta’ konjuġi. Dawn huma kollha konċetti li rridu nirrispettawhom, għax issa qegħdin ngħidu li se npoġġu lil kull koppja fuq l-istess livell. Għalhekk jiena se nkun qed nagħti l-appoġġ tiegħi biex safejn huwa possibbli, lingwistikament fil-liġi l-konċett ta’ mara u raġel, ta’ omm u missier, ta’ konjuġi u ta’ ġenitur ikunu kollha hemm għax bl-istess liġi li qed nindirizza realtà soċjali m’għandix nikkanċella realtà oħra. Dan però għandu jsir bil-ħsieb ċar li l-użu tal-kelma “raġel” jew “mara” u “omm” jew “missier” ma jservux biex koppji jiġu mċaħħda minn xi drittijiet li huma jgawdu.
Jien nistieden lill-Gvern biex jilqa’ din il-proposta għax aħna li qegħdin f’dan il-Parlament biex inservu lil kull komunità u nagħtu garanziji ta’ rispett, ta’ ugwaljanza u ta’ dinjità lil kull komunità, flimkien għandna nagħżlu ugwaljanza fid-diversità u mhux uniformità fid-diversità. Irrid nagħmilha ċara minn issa li hekk kif dan l-Abbozz ta’ Liġi jsir liġi, Malta m’għandhiex b’xi mod torbot l-għajnuna b’riżorsi lejn pajjiżi terzi fuq xi kondizzjoni li dawn jintroduċu liġi li tagħti rikonoxximent liż-żwieġ ċivili. Dan diġà jsir minn organizzazzjonijiet internazzjonali, u jagħmlu ħażin meta jagħmlu hekk. Bl-istess mod pajjiżna, li b’dan l-Abbozz ta’ Liġi qiegħed jagħżel li jbiddel l-ordni pubblika tiegħu, m’għandux jipprova jimponi l-għażliet tiegħu fuq oħrajn. Li pajjiżna jirrikonoxxi familji ġodda fi żmien li joffri sfidi kbar għall-kostruzzjoni, għar-relazzjonijiet u għall-istabbilità fil-familja huwa tajjeb, però dan irid isir f’qafas ta’ servizzi serji ta’ sapport lejn dik il-familja, sapport li jassigura li familja tissaħħaħ u, fuq kollox, sapport li jassigura dejjem u fuq kollox l-aħjar interess tat-tfal. Grazzi, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? L-Onor. Puli.
ONOR. CLYDE PULI: Sur President, kif diġà qalu sħabi, quddiemna għandna dan l-Abbozz ta’ Liġi importanti li qed jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u liġijiet oħrajn b’konnessjoni ma’ din l-introduzzjoni ta’ żwieġ indaqs. Bħalma diġà għedna hawnhekk, l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi biex anke tirrifletti l-wegħda elettorali li l-Partit Nazzjonalista stess kien daħħal fil-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2017 dwar l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tagħti dan id-dritt lill-persuni tal-istess sess. Dawn huma persuni tad-demm u l-laħam bħalna, persuni li jħobbu u li jixtiequ li l-imħabba tagħhom tkun ukoll rikonoxxuta mill-Istat. Għalhekk hawn wieħed jistaqsi: Aħna min aħna biex niċħdulhom il-komprensjoni u r-rispett? Imma ovvjament hawnhekk qed nitkellmu fuq żwieġ ċivili u mhux fuq żwieġ nisrani għax aħna m’għandna l-ebda jedd fuq twemmin li jibqa’ jqis li ż-żwieġ huwa biss bejn mara u raġel.
Għalhekk dik il-pożizzjoni wkoll trid tibqa’ tiġi rispettata għal min jagħżel dik it-triq u għal min jagħżel li jibqa’ jgħallem lil uliedu l-valuri ta’ familja skont it-tradizzjoni u l-kultura Maltija, kif ilhom jiġu mgħallma għal snin twal. Imma filwaqt li aħna se nkunu qegħdin nivvotaw favur dan l-Abbozz ta’ Liġi, hemm ċertu tħassib dwar kif inhu fformolat dan l-Abbozz ta’ Liġi, u allura aħna rridu nressqu xi emendi li aħna nqisuhom bħala importantissimi u li allura nixtiequ li n-naħa tal-Gvern tilqagħhom. Jien ngħid li dawn l-emendi jmorru lil hinn mill-iskop oriġinali ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, ċjoè minn dik li jagħti opportunità ta’ żwieġ lil kulħadd, u se jneħħu partijiet li jien nemmen illi lil din is-soċjetà jistgħu jagħmlulha aktar ħsara milli ġid.
L-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili kien ġie approvat fl-2013, jiġifieri fi żmien mhux daqstant ‘il bogħod. Dan wara li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista kienu favur xi forma ta’ unjoni ċivili li tirregola r-relazzjonijiet ta’ persuni tal-istess sess. Iżda dakinhar l-ebda partit minnhom ma kien inkluda ż-żwieġ bejn dawn il-persuni fil-programm elettorali tiegħu. Jekk wieħed jiftakar sew, f’Marzu tal-2016, jiġifieri f’nofs l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Prim Ministru kien stqarr waqt attività li huwa favur żwieġ għall-koppji tal-istess sess, u min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onor. Simon Busuttil dakinhar stess stqarr li l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili diġà jagħti l-istess drittijiet ta’ żwieġ ċivili u għalhekk ma kien qed isib l-ebda oġġezzjoni li tidħol leġiżlazzjoni li tibda ssejjaħ lill-unjoni ċivili dak li fil-fatt hi, ċjoè żwieġ ċivili.
Fil-fatt kien hemm diversi nies li kienu jikkummentaw li l-unjoni ċivili kienet żwieġ għall-koppji tal-istess sess u li l-unika ħaġa li kien hemm differenti kien l-isem tal-liġi. Kien f’dan il-kontest li saret id-diskussjoni u ngħatat l-approvazzjoni ta’ żwieġ bejn koppji tal-istess sess, u huwa għalhekk li kien hemm anke dak il-kunsens wiesa’ għal din il-proposta. Tajjeb infakkar li artiklu 4 ta’ din il-liġi jgħid li:
Save as provided in this Act, a civil union, once registered, shall mutatis mutandis have the corresponding effects and consequences in law of civil marriage contracted under the Act.”.
Dan ifisser li bażikament l-effetti legali huma l-istess. Għalhekk jekk tieħu l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna at face value taħseb li fl-aħħar mill-aħħar dan mhu se jibdel xejn ta’ sustanza minn dak li hemm illum, u jista’ jkun li meta tieħdu waħdu, b’mod iżolat, hekk ikun, imma wieħed irid jieħu dan l-Abbozz ta’ Liġi fil-kontest aktar wiesa’ tad-direzzjoni ġenerali li jkun qiegħed jieħu l-Gvern, b’mod partikolari fid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern dwar il-liġi dwar l-ugwaljanza - li ma messithiex l-istess xorti ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi għax minkejja li ilha mħabbra minn żmien il-Milied, sal-lum għadna ma ddiskutejnihiex, jiġifieri ma kenitx daqshekk fast daqs dan l-Abbozz ta’ Liġi - u fit-tibdil li xi kultant nisimgħu lil xi esponenti tal-Gvern jgħidu li jridu jagħmlu fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Qed ngħid dan għaliex li l-leġiżlatur jirregola d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni f’forom differenti ta’ relazzjonijiet bħalma huma l-koabitazzjoni, l-unjoni ċivili u ż-żwieġ ma nara li hemm xejn ħażin, anzi naħseb li liġi tajba li tiddistingwi bejn realtajiet differenti tkun qed tirrispetta d-differenzi, l-aktar fiż-żmien ta’ llum fejn is-soċjetà tagħna tiċċelebra l-pluraliżmu u d-diversità. Imma jiddispjaċini ngħid li għal darb’oħra dan il-Gvern qiegħed juri li qed jikkonfondi l-ugwaljanza mal-uniformità, uniformità li teqred l-istess diversità li l-liġi suppost tfittex li tipproteġi. Kif diġà ssemma, din il-liġi mhix se tibqa’ tirrikonoxxi d-diversità bażika ta’ kull soċjetà umana, jiġifieri ta’ mara, raġel, omm u missier, imma issa qed nagħżlu li nsejħu lil dawn sempliċi “ġenituri” u “konjuġi”.
Jiġifieri hawnhekk mhux sempliċi żidna terminoloġija ġdida li tinkludi forom oħrajn ta’ żwiġijiet iżda qed titneħħa t-terminoloġija li finalment tissimbolizza dik id-diversità rikka tas-soċjetà tagħna. Issa fil-bidu din tista’ tidher li forsi hija ommissjoni innoċenti, iżda meta wieħed iqis u jinduna li din l-ommissjoni mhijiex neċessarja għall-iskop finali tal-liġi ... Għax stajna nżidu l-kelma “parent” ma’ “mother” u “father”, jiġifieri ma kienx hemm għalfejn jitneħħew il-kliem “mother” u “father”. Allura għalfejn ġiet eradikata din ir-rikkezza? Ma kienx hemm għalfejn isir hekk, u allura hemmhekk tinduna li din mhijiex neċessarja għal din il-liġi partikolari.
Meta wieħed iqis il-kontest li kont qed nitkellem dwaru, il-kontest ideoloġiku li hemm wara l-ħsibijiet tal-liġi tal-ugwaljanza li suppost niddiskutu fix-xhur li ġejjin, jidher li hemm streak ta’ din l-ideoloġija tal-ġeneru li b’ugwaljanza qed tifhem li kulħadd huwa l-istess aktar milli ndaqs. Filwaqt li aħna assolutament favur id-diversità, ma rridux li jkollna uniformità. Jien nispera għall-inqas naqblu fuq il-prinċipju li għandu jkollna diversità, imma m’għandux ikollna uniformità għax inkella se nkunu qegħdin ngħixu diktat ta’ uniformità. Xi kultant l-uniformità lili tfakkarni fil-famuż ktieb Brave New World ta’ Aldous Huxley fejn f’daqqa waħda nibdew kważi nistħu u nitkażaw meta xi ħadd isemmi l-kliem “mother”, “father”, “omm”, “missier”, “pà’” jew “mà”!
Imma jien nistaqsi: Hija din l-intenzjoni vera ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi? Il-Ministru ssib xi diffikultà li niktbu “mother, father or parent” fil-liġi? Aħna se nkunu qegħdin inressqu l-emendi f’dan ir-rigward għax bil-kliem “mother” u “father” xorta nkunu qed nilħqu l-iskop ta’ żwieġ ċivili li jagħti ċans lil persuni tal-istess sess li jiżżewġu. Jien nistaqsi: X’inhi din l-insistenza li tneħħi l-gender? Ħalli nispjegalkom x’anomalija se tinħoloq. Mela ftit ilu ddiskutejna l-liġi dwar l-identità tal-ġeneru u tajna ċans lil persuna li, jekk trid, għandha dritt li tagħżel illi taqleb l-identità tal-ġeneru tagħha, jiġifieri li minflok mara tibda tissejjaħ raġel u li minflok raġel tibda tissejjaħ mara. Imma għall-kuntarju hawnhekk, l-għażla qed tibda tiġi totalment eradikata u mnaqqra ftit ftit. Issa jew se nemmnu fin-neċessità tad-diversità minħabba li s-soċjetà tagħna hija magħmula minn nies differenti - u jagħmel ħażin min ma jaċċettax li n-nies huma differenti - jew inkella se ngħidu li aħna rridu uniformità sħiħa! Għalhekk dan hu l-appell tagħna f’dan ir-rigward.
It-tieni tħassib tagħna joħroġ mill-fatt li xi kultant hemm implikazzjoni jew inkella wieħed qed jingħata x’jifhem - u jkun tajjeb jekk dan il-punt jiġi ċċarat - li dan l-Abbozz ta’ Liġi jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq id-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari fuq il-protezzjoni tal-embrijun kif nifhmuha llum bil-liġi. Huwa fl-interess tat-tfal li dawk it-tfal li diġà twieldu jiġu addottati għax b’hekk ikunu qed jingħataw il-wens ta’ familja li m’għandhomx. Huwa importanti li wlied li m’għandhomx il-familja tagħhom ikollhom l-opportunità li jkollhom dak il-wens.
Imma li tuża x-xjenza u t-teknoloġija intenzjonalment, b’mod partikolari permezz ta’ proċessi ta’ surrogacy biex toħloq bniedem - jiġifieri mhux neċessarjament b’rabta naturali mal-omm u mal-missier - u b’hekk tkun qed takkomoda koppja, kemm jekk din il-koppja tkun omosesswali kif ukoll jekk tkun eterosesswali, allura nibża’ li se nkunu qegħdin nikkomodifikaw lit-tfal u li se nkunu qed nittrattaw lit-tfal kważi bħala parti minn din l-ideoloġija tas-suq li sfortunatament tant ħakmitna, fejn f’din id-dinja globalizzata u post-moderna sirna nittrattaw kollox qisu xi prodott li jista’ jinxtara minn fuq l-ixkaffa! Jekk jiġri hekk, jien ngħid li għalkemm din tkun rebħa kbira għas-suq u għas-sistema kapitalista, tkun ukoll daqqa ta’ ħarta oħra għad-dinjità umana.
Għalhekk, Sur President, meta tqabbel il-kontest tal-liġi dwar l-ugwaljanza - jew għall-inqas dak li ntqal fuqha, anke bil-“clouds” li jista’ jkun hemm f’dik il-liġi - ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi li qed niddiskutu llum, jien għadni m’iniex nifhem - u allura aktar qed nagħmel domandi milli qed nagħmel statements - kif dan l-Abbozz ta’ Liġi se jkun qed jimpinġi fuq l-Embryo Protection Act. Jien nixtieq li meta l-Ministru tkun qed tikkonkludi d-dibattitu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi jkollha ċans tgħidilna jekk dan l-Abbozz ta’ Liġi jimplikax xi tibdil ieħor fuq l-Embryo Protection Act.
Jekk inhu hekk, jien anke hawnhekk nappella minn qalbi li aħna nittrattaw lid-dinjità umana bl-akbar sens. Jien ngħid: Ejjew inħarsu l-libertajiet ċivili ta’ kulħadd. Aħna Partit favur il-libertà. Ma rridx nitfa’ botti, imma meta ħaddieħor kien qed isawwat lin-nies aħna konna qegħdin nitkellmu dwar il-libertà, għax aħna veru Partit tal-individwu, imma min-naħa l-oħra l-libertà ta’ “A” ma tistax timpinġi fuq il-libertà ta’ “B”, u naħseb ilkoll nifhmu hawnhekk li t-tfal għandhom ikollhom protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tagħhom. Għalhekk nappella lill-Ministru biex toqgħod attenta kif tmiss l-Embryo Protection Act.
Billi m’għadx fadalli wisq ħin għad-dispożizzjoni tiegħi se nikkonkludi billi ngħid li jien kuntent li l-prinċipju tal-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna huwa dak li jagħti ċans lid-diversità u huwa dak li jagħti ċans li l-imħabba ta’ żewġ persuni li jinħabbu tiġi rikonoxxuta u rispettata, imma fl-istess ħin nappella biex nibqgħu nħaddnu dak is-sens ta’ rispett u dinjità umana f’dak kollu li aħna se nkunu qegħdin nagħmlu. Grazzi ħafna, Sinjura President. (Onor. Membri: Hear, hear)
ID-DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Sar il-ħin.
Fid-9.00 pm id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata.
ID-DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Camilleri.


Yüklə 95,21 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©www.genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə