Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 95,21 Kb.
səhifə3/5
tarix28.07.2018
ölçüsü95,21 Kb.
#59302
1   2   3   4   5

L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Ninforma lill-Kamra li peress li l-ħin se jinqasam indaqs bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, għas-seduta tal lum kull naħa għandha 80 minuta. Aktar rimarki? L-Onor. Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, l-ewwel nett nixtieq nawgura kemm lilek, li erġajt qiegħed fis-Sedja biex tmexxi lil dan il-Parlament kif ukoll lid-Deputy Speaker, il-kollega tagħna l-Onor. Claudette Buttigieg, għall-kariga ġdida tagħha bħala Deputy Speaker. Nixtieq nawguralkom minn qalbi għal dawn il-mumenti sbieħ li se jkollna f’dan il-Parlament. (Onor. Membri: Hear, hear) Nawgura wkoll il-ħidma t-tajba f’dan il-Parlament matul is-snin li ġejjin lill-kollegi sħabi, li wħud minnhom huma ġodda, kif ukoll lill-kollegi min-naħa tal-Gvern. Minbarra li jien se nkun qed naħdem bħala Whip f’isem il-grupp parlamentari Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu jagħtini wkoll ir-responsabbiltà tad-drittijiet taċ-ċittadin, tad-djalogu soċjali, tal-ugwaljanza, tal-protezzjoni tal-konsumatur, taż-żgħażagħ u tal-isport, u allura dan huwa l-ewwel Abbozz ta’ Liġi f’din il-leġiżlatura li jien se nitkellem fuqu bħala Shadow Minister.
Fl-opinjoni tiegħi, il-Prim Ministru ried li b’differenza mid-diskors li għamlet il-President tar-Repubblika f’dan il-Parlament nhar is-Sibt li għadda, jibda dan l-ewwel Abbozz ta’ Liġi li qed niddiskutu fil-Parlament b’xi ftit skossi. Għad għandna f’idejna d-diskors tal-E.T. il-President tar-Repubblika fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-13-il Parlament fejn jingħad li jeħtieġ illi l-Gvern u l-Oppożizzjoni jagħrfu jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw ir-realtajiet differenti filwaqt li titkompla wkoll id-diskussjoni politika li pajjiżna jeħtieġ. Fil-fatt jien ħsibt li l-Gvern kien se jiġi għandna biex naraw x’liġijiet se nagħmlu flimkien, kif se naħdmu u kif se nikkonsultaw, imma l-Prim Ministru ddeċieda li jimxi għal rasu biex illum qegħdin niddiskutu Abbozz ta’ Liġi li dan il-Gvern għadu kemm ippubblikah dalgħodu stess.
Iva, Sur President, il-Gvern ma ppubblikax dan l-Abbozz ta’ Liġi ġimgħa ilu jew erbat ijiem ilu, imma dalgħodu stess! Però aħna l-Membri tal-Oppożizzjoni, għax aħna nies serji u għax nafu kif jaħdem il-Parlament, m’aħniex se naqgħu għal-lixka tal-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat u nafu li suppost dan l-Abbozz ta’ Liġi kellu jkun għandna minn ġimgħa qabel. Iżda allavolja dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie erbat ijiem ilu biss u ġie ppubblikat dalgħodu stess tant li sal-bieraħ lanqas l-organizzazzjonijiet li jinsabu fi ħdan il-Kunsill Konsultattiv li waqqfet l-istess Ministru ma kellhom kopja tiegħu, aħna xorta qegħdin f’dan il-Parlament biex niddiskutu dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Aħna, bħala Oppożizzjoni, tajna l-approvazzjoni u l-kunsens tagħna biex nhar is-Sibt, waqt l-ewwel seduta, isir l-Ewwel Qari ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, imma għall-Ministru li suppost trid li naħdmu flimkien dak mhu xejn u lanqas biss tatna acknowledgement għal dan. Lanqas li llum il-Ministru setgħet titkellem grazzi għall-fatt li għandha Oppożizzjoni kostruttiva quddiemha, dak mhu xejn! Ta’ min jgħid ukoll li nhar is-Sibt li għadda seta’ jsir l-Ewwel Qari grazzi għall-Oppożizzjoni għax kieku llum lanqas dan l-Abbozz ta’ Liġi m’għandna ppubblikat quddiemna għax nafu kif jaħdem dan il-Parlament. Għalhekk huwa grazzi għall-Oppożizzjoni li llum qegħdin niddibattu dan l-Abbozz ta’ Liġi. Dan qed ngħidu biex ħadd ma jkollu l-iċken dubju li l-Oppożizzjoni se ttellef jew hija kontra l-ugwaljanza għal kulħadd, inkluż fiż-żwieġ.
Ħalli nkun ċar, Sur President, sa mill-bidu tad-diskors tiegħi. L-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi, għalkemm kif se nispjega aktar ’il quddiem fid-diskors tiegħi, hemm xi affarijiet li m’aħniex qed naqblu magħhom għal kollox. Jekk wieħed iħares lejn il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista 2017 isib miktub b’mod ċar, punt 49, iswed fuq l-abjad, li aħna:
“Nibnu fuq kull titjib li sar fid-drittijiet LGBTIQ f’dawn l-aħħar snin u nressqu liġi għall-introduzzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess.”.
Ta’ min jgħid li l-Partit Nazzjonalista ħa din il-pożizzjoni wara li kkonsulta. Il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu l-Forum Opportunitajiet Indaqs immexxi mill-kollega tagħna Graziella Attard Previ b’sottokumitat apposta li jaħdem dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru bil-parteċipazzjoni fil-bord konsultattiv ta’ Rudolph Grima u ta’ Alex Mangion. Nixtieq insellem minn hawn lil dawn it-tliet persuni kif ukoll lil oħrajn għax-xogħol li qegħdin iwettqu f’dan il-qasam għal pajjiżna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan huwa forum li ltaqa’ u kkonsulta, u fih hemm nies li lill-Ministru ma smajthiex issemmihom. Hawn ta’ min isemmi wkoll lid-Drachma, l-Aditus, il-We Are, lill-Allied Rainbow Communities (ARC) u lill-Malta Gay Rights Movement (MGRM). (Interruzzjonijiet) Diġà se tibda ttellifni, Ministru, għadni kif bdejt?! Għadni fl-ewwel ħames minuti, Sur President, u l-Ministru diġà bdiet ittellef!
ONOR. HELENA DALLI: Point of order, Sur President!
ID-DEPUTY SPEAKER (Onor. Claudette Buttigieg): Il-Ministru Dalli, on a point of order.
ONOR. HELENA DALLI: Sinjura President, l-ewwel nett nixtieq nifraħlek għall-fatt li issa għandna mara f’din il-pożizzjoni wkoll.
ID-DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak u napprezza.
ONOR. HELENA DALLI: Però rrid nirrimarka wkoll li jiena semmejt lill-Kunsill Konsultattiv kemm-il darba, u n-non-governmental organisations (NGOs) li qed isemmi l-Onor. Agius li qegħdin fil-Kunsill Konsultattiv.
ID-DEPUTY SPEAKER: Dan mhuwiex point of order, u aktar tard il-Ministru jkollha ċans tirrispondi għal dak li qed jingħad.
ONOR. DAVID AGIUS: Lanqas biss semmejthom f’diskors ta’ siegħa, bħallikieku kollox inti għamilt! You are the beginning and the end of everything! Lil dan il-Kunsill Konsultattiv inti lanqas biss kopja ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi ma tajtu! Imma nsomma, aħna min-naħa tal-Partit Nazzjonalista wasalna għal diversi proposti konkreti, kif se nsemmi aktar ’il quddiem, u allura l-Partit Nazzjonalista huwa kompletament favur dak li sar tliet snin ilu. Issa l-unjoni ċivili se tibda tissejjaħ “żwieġ bejn persuni tal-istess sess”. Dan qiegħed miktub ukoll fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri s’hawnhekk qed naqblu.
Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Simon Busuttil, tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed idaħħal iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u qal li mhux kulħadd qed jaqbel ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi. Ara din ma kkwotathiex il-Ministru! Huwa qal li dan l-Abbozz ta’ Liġi qed jibni u ma tantx hu differenti mil-liġi tal-unjoni ċivili li ddaħħlet tliet snin ilu. Ara din ma semgħethiex il-Ministru għax fejn jaqblilha tisma’ u fejn jaqblilha ma tismax, imma l-poplu jisma’ kollox! (Interruzzjonijiet) L-Onor. Simon Busuttil qal li tliet snin ilu daħlet il-liġi tal-unjoni ċivili li tagħti lill-koppji tal-istess sess l-istess drittijiet u obbligi bħall-koppji ta’ sess differenti, u huwa qal hekk:
“Jien nemmen li fis-sustanza diġà hemm żwieġ, u la qiegħed hemm trid tirrikonoxxih.”.
Il-Ministru lanqas ma semgħet lill-Onor. Simon Busuttil jispjega li hu ġieli kien mistieden għal ċerimonji ta’ unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess u ddeskrivihom bħala festa ta’ mħabba! Bħallikieku l-imħabba u s-serenità għall-Ministru Helena Dalli biss qegħdin! Għall-Ministru Dalli aħna tal-Partit Nazzjonalista m’aħniex sereni u ma nafux inħobbu, qisha hi biss taf tħobb! Imma peress li qiegħda fir-run-up għal Viċi Kap tal-Partit tagħha, forsi ħasbet li minflok ma kienet qed titkellem fil-Parlament, kienet qed titkellem fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit tagħha!
Sinjura President, l-Onor. Busuttil kompla billi qal li aħna ddeċidejna li nirrikonoxxu din ir-realtà f’pajjiżna u fil-grupp Parlamentari billi nkunu favur tagħha fil-Parlament. Inħossu li hemm affarijiet li jistgħu jittejbu fl-Abbozz ta’ Liġi li qed jippreżenta l-Gvern, però dak nistgħu nagħmluh fil-Parlament fl-istadju ta’ Kumitat. Huwa hawnhekk fejn se ninsistu mal-Gvern Laburista, anzi miegħek Ministru, biex tħalli l-għażla u mhux teskludi. Jekk wieħed jifli dan l-Abbozz ta’ Liġi sew - u jekk hemm min m’għandux kopja tiegħu, jista’ jkellem lilna u nagħtuh kopja għax dan għadu kemm ġie ppubblikat dalgħodu - jinduna li se jitneħħew il-kliem “omm” u “missier”. Jien nistaqsik, Ministru: Għaliex se tagħmel dan? Jafu sħabek li se tagħmel hekk? Għaliex se tneħħi l-kliem “mara”, “raġel”, “omm”, “missier” jew “ġenitur”? Għaliex ma nħallux l-għażla u mbagħad tkun il-persuna partikolari li tagħżel jekk hijiex mara, raġel, omm, missier, ġenitur jew konjuġi? Dan kif tridu tneħħu l-kelma “omm” biex minflokha tidħol il-frażi “persuna li wellditha”?
Jien ma nafx jekk din tkellimtuhiex fil-grupp parlamentari u jekk sħabek japprovawx din it-tip ta’ liġi fil-Parlament! Allura jien nistaqsi: Minflok “Jum l-Omm” se jibda jkollna “Jum il-Persuna li Wellditek”? Possibbli li qed iġġibu lil pajjiżna f’din l-assurdità?! Jien naħseb li mhux ta’ b’xejn li l-Onor. Glenn Bedingfield qed jidħak għax qed twaqqgħu l-isem tal-omm, tal-missier, tar-raġel u tal-mara għaż-żufjett! X’hawn egħżeż mill-omm?! X’hawn egħżeż mill-missier?! Ministru, minkejja li għamilt siegħa titkellem, inti m’għedt xejn dwar dan, u għalhekk nappellalek biex terġa’ taħsibha u tkellem lil sħabek ħalli tara jekk jaqblux miegħek! Wara dan l-istadju hemm l-istadju ta’ Kumitat fejn jistgħu jsiru l-emendi u jitneħħew dawn il-klawsoli, u allura għad hemm il-possibbiltà li dawn l-affarijiet jiġu rranġati! Aħna wkoll se nkunu hemm biex nagħmlu t-tibdil neċessarju.
Ministru, kif tista’ tiġi hawn u tgħidilna li tarbija ma tistax tgħajjat lil ommha “Ma’”, lil missierha “Pa’”, li t-tifla tiegħi ma tistax tgħajjatli “papà” jew li t-tifel tiegħek ma jistax jgħajjatlek “mamà”? (Interruzzjonijiet) L-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna kollha qed ineħħihom dawn il-kliem li qed insemmi! (Interruzzjonijiet) Aqbdu l-Abbozz ta’ Liġi, arawh sew u taraw li neħħejtuhom kollha dawn il-kliem! Imissek tistħi tagħmel dawn l-affarijiet għas-soċjetà Maltija! Aħna mhux neskludu rridu imma ninkludu!
ID-DEPUTY SPEAKER: Onor. Agius, jekk jogħġbok indirizza lis-Sedja.
ONOR. DAVID AGIUS: Sinjura President, aħna favur l-inklużjoni u mhux favur l-esklużjoni! Inti mhux teskludi trid imma tinkludi, u aħna qed ngħidulek kif għandek tagħmel dan! Daħħal li trid int, imma l-kelma “omm” u l-kelma “missier” ħallihom hemmhekk! Mill-bqija tista’ ddaħħal li trid, sew jekk trid iddaħħal “partner”, sew jekk trid iddaħħal “ġenitur” kif ukoll jekk trid iddaħħal “konjuġi”!
Imma kif m’intix qed tieħu inkonsiderazzjoni d-dritt tat-tfal li jindirizzaw lil ommhom “Mà” u lil missierhom Pà”? Kellek siegħa għad-dispożizzjoni tiegħek, imma inti m’għedt xejn dwar dan! Ikkonsultajt mal-Kummissarju għat-Tfal dwar dan jew ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali diġà beda jitlagħlek għal rasek?! Fejnhom il-kliem tal-President tar-Repubblika fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ dan il-Parlament biex nimxu id f’id u nikkonsultaw, jew diġà nsejtu?! Jien raġel u inti mara, imma inti min inti bħala leġiżlatur biex tneħħi mil-liġi dak il-kliem kollu li semmejt u minflok iddaħħal il-kelma “konjuġi”? Ħalli l-għażla u mbagħad kulħadd jiddeċiedi li jrid! U xi ngħidu għaċ-ċertifikati li hemm ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi?! Ara f’Formola D ħallejnieh lill-missier għax hemm biex tikteb “Isem u Kunjom il-missier u jekk hux ħaj jew mejjet”! Allura issa se ndaħħlu l-kelma “konjuġi” hemm ukoll?!
Jien bħalkom immur funerali u bħalkom ningħata s-santi tal-mewt. Allura issa fis-santi tal-mewt se nibdew nagħmlu; “ħalla jibku t-telfa tiegħu lill-konjuga tiegħu” minflok “lil martu” jew “lir-raġel tagħha”?! (Interruzzjonijiet) Sinjura President, jien naħseb li wasalna f’sitwazzjoni fejn dan il-Gvern lanqas biss qed iħoss il-fibra morali ta’ dan il-pajjiż! Jien tkellimt kemm flaħt ma’ diversi persuni, kemm ma’ koppji gay kif ukoll m’oħrajn ... (Interruzzjonijiet) Se ngħidlek min huma wkoll ħalli ma tmurx tiġi tgħidli li qed nivvinta! Ħalli nsemmi koppja b’isimhom, u se nagħmel dan bil-permess tagħhom stess. Qed nirriferi għal Charles u Mark Farrugia Bayliss; Charles Farrugia Bayliss qalli hekk:
“Ovvjament jien m’iniex avukat, u allura fuq il-liġi nnifisha ftit nista’ nagħtik parir, imma fl-opinjoni tiegħi prattikament kulma jrid jiġi mibdul hu l-isem għax bħala drittijiet huma ugwali għax skont subartiklu 4 (1) tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili, unjoni ċivili ġaladarba reġistrata għandu jkollha l-istess effett u konsegwenzi fil-liġi daqs l-Att dwar iż-Żwieġ.”.
Ħalli ngħidlek x’hemm bżonn isir, Ministru, u dan qed jgħiduh Charles u Mark Farrugia Bayliss u mhux jien:
“Kultant inħoss li l-unjoni ċivili hi biss ċerimonja. Tgħidli: Għaliex? Iċ-ċerimonja tagħna ppresedieha ċ-Chief Registrar.”.
Isma’, Ministru, ħalli tkun taf!
“Jien u Mark, aħna, iddeċidejna li nżidu kunjom xulxin għax il-liġi tippermetti li jsir dan, u ġejna Farrugia Bayliss. Jien staqsejt lil dan l-uffiċjal jekk għandniex ninformaw lid-dipartimenti b’dan u qalilna “le, għax ġaladarba l-unjoni tagħna qed tiġi reġistrata, id-dipartimenti tal-gvern jaġġornaw irwieħhom”. Ma nafx jien! Ilni tliet snin niġbed l-attenzjoni tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, u għadhom sa llum jindirizzawna ħażin!”.
Dak hu li trid tara, Ministru! Aħjar tara x’qed jiġri fid-dipartimenti u mhux tiġi hawn biex tneħħi l-kliem “omm” u “missier” mill-kultura ta’ pajjiżna! Ħalli nkompli ngħidlek x’qaluli Charles u Mark Farrugia Bayliss. Dawn qaluli hekk:
“Din il-ġimgħa, kif taf, missejna mal-isptar u skoprejna li r-records tal-isptar baqgħu mhux mibdula inkwantu tal-kunjom. Billi hemm il-liġi, biex imbagħad mid-dipartimenti m’hemmx implimentazzjoni?! Ħaġa li urtatni wkoll hija li ridt noqgħod nispjega li Mark hu żewġi biex ħallewni nassistih. Ilbieraħ niżżiltu sal-canteen u f’xi 12.00 p.m. irċevejt telefonata biex intellgħu lura s-sala. Li sirt naf wara kien li huma ċemplu lill-kunjata u mhux lili, u dan minkejja li Mark qalilhom li jien responsabbli minnu. Fil-fatt il-kunjata qaltilhom biex iċemplu lili u mhux lilha. Imbilli hemm il-liġi u lilna baqgħu ma jistmawniex?! Ma jfisser xejn!”.
Lil dawn il-persuni tridu tisimgħu u mhux il-Ministru damet siegħa titkellem biex ma qalet xejn dwar dawn il-persuni! Huwa neċessarju li tisma’ lil dawn in-nies biex at the end of the day tgħid: X’għamlet u fejn wasslet il-liġi li għaddejt tliet snin ilu? Huwa hawn fejn irridu naħdmu, u żgur li rridu nagħmlu kampanja ta’ edukazzjoni li se nitkellem dwarha minn hawn u ftit tal-ħin ieħor. Charles Farrugia Bayliss kellimni wkoll dwar il-banek kif ukoll dwar affarijiet u esperjenzi oħrajn li għaddew minnhom hu u Mark fejn sa wasal biex qalli li xi kultant kważi jrid iwaħħal label fuq sidru biex juri li hu miżżewweġ!
Sinjura President, naħseb li fadal x’isir f’dan is-settur daqstant importanti, u jien se ngħid x’inhi t-triq ‘il quddiem kif ukoll x’nixtiequ naraw min-naħa tagħna. Aħna nixtiequ naraw li jkun hemm kampanja edukattiva fuq skala nazzjonali u kampanja ta’ għarfien. Irid ikun hemm kampanja li tiffoka fuq setturi speċifiċi tas-soċjetà, bħalma hu s-settur tal-edukazzjoni, tax-xogħol u tal-istituzzjonijiet governattivi. L-edukazzjoni hija l-bażi għall-inklużjoni, u dan għandu jkun rifless fil-curriculum u fis-sillabi, speċjalment fil-lezzjonijiet tal-Personal, Social and Career Development (PSCD). Għandha tingħata enfasi għall-ugwaljanza u għal nuqqas ta’ diskriminazzjoni fl-iskejjel. L-iskejjel tagħna għandhom jorganizzaw ġimgħa ta’ diversità fejn fihom jiġu mressqa temi ta’ identità tal-ġeneru u ta’ orjentazzjoni sesswali. Dawn huma kollha ideat li l-Oppożizzjoni se tgħaddilek, Ministru, jekk inti tkun f’kollaborazzjoni magħna biex naħdmu f’dan is-settur. Dan għandu jgħin sabiex jitqajjem għarfien kemm mal-istudenti kif ukoll mal-għalliema u ħaddiema oħra fl-iskejjel.
L-istudenti fl-Università, speċjalment dawk li qegħdin jistudjaw fil-qasam tal-mediċina, fil-qasam tal-liġi, fil-qasam soċjali u fil-qasam tal-edukazzjoni għandhom jistudjaw ukoll dwar kwestjonijiet tal-LGBTIQ. Waħda mis-sessjonijiet tal-iżvilupp professjonali għall-għalliema fl-iskejjel għandha tkun dwar dan is-suġġett ukoll sabiex jiżdied l-għarfien tal-għalliema f’dan ir-rigward u l-għalliema jkunu mħarrġa bl-għodod neċessarji sabiex dawn ikunu kapaċi jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu. Dawn huma kollha ideat li kemm il-forum tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista ħadmu fuqhom u kienu lesti li jkompli jaħdmu fuqhom. Għalhekk għandu jinħoloq post għal support teachers fl-iskejjel, u kemm l-għalliema, kemm l-istudenti kif ukoll il-ħaddiema l-oħra għandu jkollhom spazji siguri fl-iskejjel tagħna fuq dan il-qasam.
Għandhom jiġu organizzati seminars u workshops dwar dan is-suġġett, għandha ssir kampanja ta’ edukazzjoni nazzjonali fuq il-postijiet tax-xogħol u għandhom jiġu kkreati spazji edukattivi u postijiet pubbliċi biex nedukaw l-akbar numru ta’ nies possibbli minn dan il-lat. Aħna nissuġġerixxu wkoll li jsiru diskussjonijiet edukattivi fuq il-mezzi tax-xandir dwar temi tal-LGBTIQ, bħalma hi t-tqala minn persuni oħra. Għandu jkun imħeġġeġ ukoll li jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku f’dan ir-rigward. Għandha ssir kampanja edukattiva dwar il-prevenzjoni ta’ mard trasmess mis-sess u nintroduċu gender clinics f’pajjiżna fejn persuni LGBTIQ jingħataw l-appoġġ kollu f’ambjent strutturat u professjonali mingħajr l-ebda stigma.
Għandhom jingħataw ukoll servizzi mediċi għal persuni LGBTIQ minn professjonisti, liema servizzi għandhom jinkludu wkoll mediċini b’xejn, fosthom għat-terapija tal-ormoni tal-persuni transesswali kif ukoll operazzjonijiet għal min irid jibdel is-sess. Il-PrEP (Pre-exposure prophylaxis) HIV test kits għandhom jingħataw b’xejn mill-Istat. Hekk għandek taħdem Ministru matul dawn it-tliet snin jew erba’ li ġejjin - skont meta tiddeċiedu li tagħmlu l-elezzjoni ġenerali! - biex permezz tal-prevenzjoni nkunu qed niffrankaw il-flus minħabba li b’dan il-mod in-nies infettati bl-HIV jonqsu. Is-servizzi psikoloġiċi għandhom jingħataw b’xejn ukoll minn professjonisti f’dan il-qasam. Dażgur li ħdimna fuq dan is-settur, Sinjura President! U dażgur li nafu x’għandu bżonn isir fuq dan is-settur! Fil-fatt huwa għalhekk li llum, fl-ewwel diskors tiegħi, qed nitkellem b’dan il-mod, għax dan huwa l-istess diskors li għamilt ukoll mal-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista.
Sinjura President, għandha tiġi ntrodotta wkoll strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, jinħoloq spazju sigur fl-isports għal persuni LGBTIQ, filwaqt li nsaħħu r-relazzjoni bejn l-għaqda Drachma u sezzjonijiet reliġjużi għax din tgħin sabiex tiżdied it-tolleranza. Il-politika finali tal-Gvern għandha tkun l-istess f’kull dipartiment. Aħna, bħala Partit Nazzjonalista, ħdimna ħafna f’dan is-settur proprju għax tkellimna ma’ diversi għaqdiet u persuni LGBTIQ, jiġifieri nafu verament fejn irridu naslu. Jekk wieħed iħares lejn l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna jsib li sezzjoni minnu tittratta proprju dwar l-aspett reliġjuż. Hawnhekk jien se nikkwota wkoll dak li qal il-Papa Franġisku fid-29 ta’ Lulju, 2013:
If a person is gay and seeks God and has good will, who am I to judge him?”.
U jekk mhux se jiġġudika l-Papa Franġisku, min jien biex niġġudika?! Ilbieraħ anke l-Isqof Scicluna qal waqt omelija li kien qed jagħmel fis-Siġġiewi li aħna m’għandu jkollna xejn kontra ħadd, huma min huma u huma x’inhuma. Fil-fatt l-Isqof qal dan il-kliem:
“Aħna m’għandna xejn kontra l-gays. La raġel li jmur ma’ raġel u lanqas mara li tmur ma’ mara. Huma bnedmin li għandhom dritt għar-rispett u l-imħabba tagħna. Ħa nkun ċar, għax ma tistax tkun ma' Ġesù u tobgħod lil xi ħadd għax hu magħmul kif inhu magħmul jew tinsulentah, jew ma turihx rispett.”.
U aħna, bħala politiċi f’dan il-Parlament, irridu nieħdu ħsieb kemm lil dawk li huma Kristjani u Kattoliċi prattikanti kif ukoll lil dawk li mhumiex, u allura naħseb li dan huwa kliem li kull wieħed u waħda minna għandna nanalizzawh. L-Isqof jgħid ukoll li:
Se nneħħu wkoll mil-liġijiet tagħna l-kelma raġel u mara għaż-żwieġ u omm u missier. U l-liġijiet bil-kliem nistgħu nagħmlu li rridu. Jiena nista’ niddeċiedi li ħarruba u larinġa ma nistgħux nibqgħu nsejħulhom hekk. Ngħidulhom siġar. Imma l-ħarruba tibqa’ ħarruba u l-larinġa tibqa’ larinġa, tgħid x’tgħid il-liġi.”.
Naħseb li għandna nifhmu wkoll dan il-kliem li qed jgħidilna l-mexxej Kattoliku tagħna, u allura anke f’dan l-Abbozz ta’ Liġi hemm bżonn li naraw x’tibdil għandu bżonn isir biex mhux neskludu, imma ninkludu. Għalhekk ejjew naħdmu id f’id u nagħmlu kampanja ta’ edukazzjoni biex nimbottaw flimkien dak li nemmnu fih. Hawn wieħed jistaqsi: Imma dan kif se nagħmluh? Kif se nedukaw? Lil min? Meta? Fejn? Ejjew nagħmlu pjan, u jien ngħidlek, Ministru, li tista’ tibda dan il-pjan minn dan l-istess Parlament.
F’dan il-Parlament għandna l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali. Ejjew nistiednu lill-esperti, lill-NGOs, lis-social workers, lill-ġenituri, lill-għalliema, lill-Malta Union of Teachers u lill-oħrajn biex naqtgħuha darba għal dejjem din li jkun hemm min jipprova jirbaħ mileage politiku minn dan is-settur. Tużawx lill-komunità gay għall-iskop politiku tagħkom għax mhux se jirnexxielkom! Dan l-Abbozz ta’ Liġi se jgħaddi, u dawn l-affarijiet b’xi mod jew ieħor se jseħħu f’dan il-pajjiż. Diġà pprovajtu tużaw lill-komunità gay meta sploda l-iskandlu tal-Panama, imma ma rnexxielkomx, u lanqas mhu se jirnexxielkom illum!
Jien nappellalkom biex tħarsu madwarkom għax anke fostkom hemm deputati u votanti Laburisti li mhumiex qed jaqblu li ddaħħlu dawn l-affarijiet ma’ din l-istess liġi tal-gay marriage u li tneħħu l-kliem għeżież għalina lkoll ta’ “omm” u “missier” jew ta’ “raġel” u ta’ “mara”! Jekk se twebbsu raskom, intom tafu, imma jien xorta se ngħajjat lil missieri “pa’” u lil ommi “ma’”, u aħna xorta se nibqgħu nsejħu lilna nfusna rġiel u nisa! Jien nawgura li dan il-Parlament jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi u jagħti drittijiet soċjali għax fl-aħħar mill-aħħar dak hu l-Istat, iżda fl-istess ħin m’għandux ikun dan il-Parlament li jkisser il-kultura Maltija u jkollu t-timbru li qala’ mil-liġi tagħna l-kliem tant sabiħ ta’ “omm”u “missier” jew ta’ “raġel” u “mara”.
Sinjura President, nikkonkludi billi ngħid li aħna f’dan l-istadju se nivvotaw favur l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna, iżda se naraw li fl-istadju ta’ Kumitat isiru l-emendi u t-tibdiliet neċessarji. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear)
ID-DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Aktar rimarki? Il-Ministru Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Sinjura President, l-ewwel nett irrid ningħaqad mal-Ministru Dalli biex nirringrazzjak u nawguralek għall-ħatra tiegħek bħala Deputy Speaker. Il-fatt li inti mara jimmarka pass ieħor ’il quddiem. Infakkar li f’pajjiżna kellna Speaker mara; in-Nutar Myriam Spiteri Debono, li nixtieq insellmilha minn hawnhekk, però inti l-ewwel Deputy Speaker mara u għalhekk nixtieq nifraħlek f’isem il-Gvern kollu għax naħseb li din hija xi ħaġa pożittiva.
L-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna huwa wieħed storiku. Jien ngħid li dan l-Abbozz ta’ Liġi se jitniżżel fl-istorja ta’ dan il-Parlament, u meta jgħaddu s-snin u ta’ warajna jħarsu lura se jiġġudikaw min tkellem b’konvinzjoni u min tkellem b’mod li juri li konvinzjoni hemm ftit, u ftit ħafna. Jien għadni kemm smajt dak li qal l-Onor. David Agius għan-nom tal-Oppożizzjoni. Huwa qal affarijiet li jien nilqagħhom b’mod pożittiv u qal affarijiet oħra li jien nilqagħhom b’mod negattiv. Il-pożittiv huwa li l-Oppożizzjoni qalet li se tivvota favur għax hija xi ħaġa tajba li l-Parlament se jkun unanimu favur dan l-Abbozz ta’ Liġi. Mela nerġa’ ngħid li dik hija xi ħaġa pożittiva. Però li hu negattiv huwa t-ton li uża fid-diskors tiegħu.
Fil-fatt ħafna mid-diskors tal-Onor. Agius kien diskors negattiv, ta’ kritika u ta’ esaġerazzjoni - bħalma ġara fl-aħħar Leġiżlatura - tant li min ma jsegwix il-proċedura parlamentari jaħseb li huwa kontra dan l-Abbozz ta’ Liġi. Għaliex qed ngħid hekk? Għax li wieħed jgħid: “Jien favur dan l-Abbozz ta’ Liġi, imma ...” u mbagħad jagħmel nofs siegħa sħiħa jikkritika, jitkaża, jgħid li jmissna nistħu, min jisimgħu fuq it-televiżjoni bilfors ikollu jikkonkludi li filwaqt li dan qed jgħid li huwa favur, ħlief jgħid li huwa kontra, jgħid affarijiet negattivi u li jmissna nistħu, ma jagħmilx! Għalhekk jien ġenwinament qed nesprimi s-sentiment li filwaqt li huwa tajjeb li l-Oppożizzjoni se tivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna, m’iniex konvint li hemm ħafna konvinzjoni fl-“iva” tal-Oppożizzjoni, u din hija ħasra għax dan huwa Abbozz ta’ Liġi b’saħħtu u importanti.
U ejja ma jiġi ħadd f’din il-Kamra jgħidli li għax qed tintuża l-frażi “persuna li twelled” minflok il-kelma “omm”, dan qed irendi l-Abbozz ta’ Liġi ħażin! Mhux ovvja li kull persuna għandha dritt tuża l-kliem “omm” u “missier”?! Bħallikieku dan l-Abbozz ta’ Liġi qed iġiegħel jew qed jikkmanda lil xi ħadd dwar liema lingwa għandu juża! Forsi wieħed jista’ jqajjem din it-tip ta’ kritika fuq livell ta’ kumitat parlamentari fejn hemmhekk nagħrblu l-kliem li wieħed juża - mela le, bil-qalb kollha - imma li inti fid-diskors ta’ replika, li huwa l-aktar diskors importanti wara dak tal-Ministru li jippilota l-abbozz ta’ liġi, torbot id-diskors kollu tiegħek mal-użu tal-kliem “omm” u “missier”, naħseb li dan qed jikxef il-vera pożizzjoni li għandhom xi wħud.
Issa, Sinjura President, jien nixtieq nitkellem dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi għax l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna huwa importanti u b’saħħtu ħafna. L-ewwel nett nibda biex ngħid li dan l-Abbozz ta’ Liġi jitkellem dwar żewġ affarijiet li huma għal qalb is-soċjetà Maltija, li waħda minnhom hija l-ugwaljanza. L-ugwaljanza tiggwida lil dan il-Gvern u hija valur għal qalbna ħafna. L-ugwaljanza tfisser li inti tagħti l-istess dinjità lil kulħadd. L-ugwaljanza tfisser li inti temmen li kull bniedem huwa maħluq biex ikollu l-istess possibbiltà li jirnexxi f’ħajtu. Dik hija l-ugwaljanza! Jien qiegħed f’dan il-Moviment tal-Partit Laburista għax nemmen fl-ugwaljanza u għax nemmen li kulħadd għandu dritt li jimxi ‘l quddiem u jagħmel suċċess f’ħajtu.
It-tieni ħaġa li hija importanti u li dan l-Abbozz ta’ Liġi jitkellem dwarha hija ż-żwieġ. Fil-fehma tiegħi ż-żwieġ huwa wieħed mill-isbaħ istituzzjonijiet li għandna, mhux biss fis-soċjetà imma li ħoloq il-bniedem. L-istitut taż-żwieġ huwa l-pedament tas-soċjetà tagħna, u għalhekk huwa importanti ħafna li nindokrawh u mmexxuh ‘il quddiem. Sal-lum il-liġi Maltija tirrikonoxxi biss dak iż-żwieġ li jsir bejn persuni ta’ sess differenti, imma wara li jgħaddi l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna llum dan kollu se jinbidel għax mhux se nibqgħu neskludu aktar lil persuni tal-istess sess milli jiżżewġu. Sal-lum il-liġi dak li qiegħda tagħmel, teskludi, tagħlaq il-bieb u tgħid “le” lil persuni tal-istess sess illi jixtiequ jiżżewġu.
Sur President, fl-aħħar Leġiżlatura dan il-Gvern kien mexa ‘l quddiem ħafna meta kien ħoloq istitut ġdid li se jibqa’ fil-liġi tagħna, dak tal-unjoni ċivili. Dan l-istitut ta d-dritt kemm lill-persuni tal-istess sess kif ukoll lil dawk ta’ sess differenti li jidħlu f’unjoni bejniethom, u hawn ta’ min iżid jgħid ukoll li anke l-unjonijiet ċivili li saru barra minn Malta ġew rikonoxxuti fil-liġi Maltija. Għalhekk dik kienet qabża kbira ħafna, però dik ta’ llum se tkun qabża akbar għax illum qed inbiddlu kompletament il-mod kif dan il-pajjiż kien jittratta lil persuni tal-istess sess. Jien niftakar li sa ftit żmien ilu, meta jien kont student fl-Università, kienu jgħidulna li żwiġijiet bejn l-istess sess imorru kontra l-public policy. Kif tafu, fil-liġi hemm affarijiet li l-liġi stess ma tridhomx għax imorru kontra l-public policy, u aħna konna niġu mgħallmin li żwieġ tal-istess sess imur kontra l-public policy!
Għalhekk minn din it-teorija twieldu ħafna konsegwenzi, fosthom, pereżempju, li għal-liġi Maltija persuna li żżewġet persuna tal-istess sess barra minn Malta hija xi ħaġa li qisha ma teżistix! Dan iġibna f’sitwazzjoni fejn ikollok żewġ persuni li żżewġu barra minn pajjiżna, però fil-mument li daħlu f’Malta qisha l-imħabba ta’ bejniethom ma teżistix u lil dawn il-persuni qisna qed ngħidulhom: Hekk kif tinżlu minn fuq l-ajruplan ħallu l-imħabba tagħkom ġo bagalja! Dan hu l-mod li bih il-liġi Maltija kienet tittratta żwieġ bejn persuni tal-istess sess, jew biex inkun aktar eżatt, l-imħabba, għax wara kollox jekk tagħsar it-tagħlim tal-Knisja, x’issib li huwa ż-żwieġ? Huwa mħabba ta’ żewġ persuni.
Hawnhekk ma nistax ma nsemmix ukoll id-divorzju, u fil-fatt dan huwa suġġett li l-Ministru Dalli semmietu wkoll. Matul dawn l-aħħar snin rajna żvilupp importanti ħafna, żvilupp li jien ngħid illi kien ippilotat minn dan il-Moviment, u dan l-iżvilupp wassal biex imxejna ‘l quddiem, u bl-istess mod illum qed naraw li nimxu ‘l quddiem anke fir-rigward ta’ żwieġ tal-istess sess. Però hawn irridu nfakkru xi ħaġa. Qabel l-1975 ... Issa għal uħud meta ssemmi s-sena “1975” tkun qisek qed issemmi sena li ilha li għaddiet ħafna, però fil-verità m’ilhiex daqshekk għax min twieled fl-1975 illum għadu kif ħareġ miż-żgħożija u qiegħed fil-mezza età. Però lkoll nafu li sal-1975 pajjiżna ma kienx jirrikonoxxi d-divorzju. Mela ejjew ngħidu li, pereżempju, għandek żewġ persuni, Maltija u Ingliż, li dawn iddivorzjaw l-Ingilterra u meta ġew lura Malta l-liġi ma rrikonoxxietx dak id-divorzju, daqslikieku dan id-divorzju ma sarx!
Dan bil-konsegwenza li jekk dawn kellhom it-tfal u kellhom xi proprjetà, kemm jekk din il-proprjetà kienet f’Malta kif ukoll jekk kienet fl-Ingilterra, il-Bambin biss jaf x’kien jiġri! Fil-fatt li kien jiġri minħabba li l-liġi ma kenitx tirrikonoxxi d-divorzju kien li dawn kienu jiġu kkastigati! Għalhekk hawn inħossni fid-dover li nsemmi lill-Perit Duminku Mintoff li fl-1975 ħa l-pass kuraġġjuż illi jgħid li din mhijiex xi ħaġa tajba u li rridu nirrikonoxxu d-divorzju li ġej minn ġurisdizzjoni barranija. Però, għax qal hekk, dak iż-żmien lill-Perit Mintoff ma nafx x’ma kinux qalulu, fosthom li hu komunist, li hu ateu, li jrid ikisser il-familji u ħafna affarijiet oħra bħal dawn! Madankollu llum naħseb li f’dan il-pajjiż kulħadd jirrikonoxxi li dak li sar fl-1975 kien pass fid-direzzjoni t-tajba.
Għalhekk it-tagħlima tal-1975 - anke jekk it-tagħlima hi fuq il-pass li tirrikonoxxi divorzju li sar barra minn Malta, li llum jidher li hu pass żgħir ħafna - hi li meta inti tagħmel il-bidliet jista’ jkollok persuni jew elementi li jgħidulek li qed tagħmel ħażin, imma jekk kemm-il darba inti konvint minn dawk il-bidliet se jgħaddu s-snin u wliedna se jħarsu lura u jgħidu: Iva, dak kien Gvern li kellu l-kuraġġ li jagħmel bidla li ġabet titjib fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin! Bl-istess mod li ta’ qabilna kellhom il-kuraġġ li jegħlbu l-kontroversja li kellhom ma’ missirjiethom permezz ta’ prinċipji sodi, aħna llum qed nagħmlu l-istess ħaġa wkoll. Dan ta’ llum huwa wkoll mument li se jitniżżel fl-istorja għax qed ngħidu li se nagħtu dinjità sal-massimu. Id-dinjità ma tiġix bid-discount! Inti ma tistax tagħti bniedem 50% dignity jew 95% dignity, għax d-dinjità trid tkun sħiħa u kompluta. Dak li sar matul l-aħħar Leġiżlatura kien pass enormi għax tajna d-dinjità lil ħafna persuni, però dak li qed nagħmlu llum huwa saħansitra akbar u aktar b’saħħtu minn dak li għamilna matul il-Leġiżlatura li għaddiet.
Illum qed jirnexxielna negħlbu l-blokk mentali u l-iskeletri! Illum qed negħlbu blokk mentali li dan il-pajjiż għadda minnu għal ħafna u ħafna snin. Illum irridu nifhmu li s-soċjetà nbidlet u hija differenti minn dik li kienet numru ta’ snin ilu. Jien ngħid li waħda mir-raġunijiet għaliex pajjiżna mexa ‘l quddiem mhijiex biss għax il-Maltin siefru, tħalltu u tgħallmu, imma anke għax filwaqt li s-soċjetà Maltija ta’ snin ilu kienet tirraġuna li pajjiżna huwa żgħir u limitat u allura rridu ngħixu bil-limitazzjonijiet tagħna, iIlum il-poplu qiegħed jisfida l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna u qed jirraġuna li għalkemm huwa veru li pajjiżna huwa żgħir, minnu nnifsu l-fatt li pajjiżna huwa żgħir hija xi ħaġa pożittiva li tippermettielna nħarsu lejn xulxin mhux bħala popolazzjoni imma bħala familja waħda u bħala poplu wieħed li jrid iġib ir-rispett, jgħin u jħobb wieħed lill-ieħor.
Issa meta nagħsru dan l-Abbozz ta’ Liġi li qed jgħid illi persuna tal-istess sess tista’ tiżżewweġ, x’qed ngħidu? Qed ngħidu li qed insaħħu l-prinċipju li kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi filwaqt li qed inkissru l-ħajt li kien hemm bejn l-ugwaljanza u l-imħabba ta’ persuni tal-istess sess, u jien ninsab kburi li nifforma parti mill-Gvern li qed ikisser dak il-ħajt, bħalma jien kburi wkoll għall-fatt li rnexxielna nibnu moviment b’saħħtu favur din id-deċiżjoni. Jien nemmen li għandna biex inkunu kburin bil-fatt li pajjiżna qed ikun wieħed minn dawk li qed ikun trail-blazer fejn jidħol dan is-settur.
Intom tgħallmuni li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha għal qalbha ħafna dak li jgħidulu l-“common European approach test”, u fil-fatt meta taqra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea ssib li kemm-il darba jsir aċċenn għal dan it-test. Fi ftit kliem, dan it-test jgħid li jekk ħadd ma jkun qed jippermetti xi ħaġa, iċ-ċansijiet huma li pajjiż li ma jkunx qed jippermetti dik il-ħaġa ma jkunx qed jikser id-drittijiet fundamentali. Mela hawnhekk qed ngħidu li l-Qorti Ewropea għandha approach test li jgħid illi l-fatt li ebda pajjiż fl-Ewropa ma jippermettix li ssir it-tali ħaġa, dan ifisser li jekk pajjiż ieħor ma jippermettihiex, allura mhuwiex qed jikser id-drittijiet tal-bniedem. Però mbagħad jekk min-naħa l-oħra dik il-ħaġa tkun permessa jew hemm pajjiżi li qed jippermettuha, hemmhekk jinbidel anke l-mod ta’ kif il-Qorti Ewropea tħares lejn dik il-ħaġa.
Għalhekk wara li jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi, pajjiżna li ġeografikament huwa wieħed mill-iżgħar pajjiżi fost il-pajjiżi tal-Ewropa se jkun qed jagħmel impatt akbar mill-ġeografija ta’ pajjiżna fuq il-ħsieb kollu Ewropew. Dan għaliex issa, wara li jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi u nies tal-istess sess li jgħixu f’pajjiżi oħra u li jkunu jixtiequ jiżżewġu jesprimu l-fehma li huma jixtiequ jgawdu l-istess drittijiet li għandhom il-Maltin, il-Qorti Ewropea se tagħti kas dak li sar Malta, u allura pajjiżna se jkompli jħalli impatt anke fis-sistema legali, kif inhi mibnija, fuq il-mod ta’ kif il-Qorti Ewropea se tħares lejn id-drittijiet tal-persuni gay. Din hija xi ħaġa li lili timlieni bi kburija.
Jien lill-imħallfin tal-Qorti Ewropea nafhom pjuttost tajjeb. Ftit ilu dawn anke ġew Malta għal retreat informali fejn ħadu gost ħafna, u jien bqajt impressjonat għal kemm dawn ikunu jafu bl-avvanzi li qed nagħmlu fl-oqsma tad-drittijiet ċivili. Sinjura President, għalija l-ugwaljanza hija l-qofol ta’ dak kollu li qed nagħmlu. Permezz tal-ugwaljanza inti tkun qed tagħti lill-persuni l-istess dinjità li għandhom persuni oħrajn, u dan huwa prinċipju fundamentali għad-demokrazija soċjali. Aħna, bħala pajjiż, qed niddistingwu ruħna għax pajjiżna għandu Gvern li qed imexxi b’mod li qed iħossu fid-dmir li jirrispetta d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna.
Punt ieħor li nixtieq inqajjem huwa li dan l-Abbozz ta’ Liġi mhu qed inaqqas xejn u bl-ebda mod il-libertà reliġjuża. Li kieku ridt, jien stajt ma semmejtx dan il-punt, imma deherli li kien id-dover tiegħi li nsemmih. Dan għaliex l-ewwel nett jien għandi rispett enormi lejn il-ħidma pastorali li twettaq il-Knisja Kattolika f’pajjiżna u lejn il-ġid kbir li jsir mill-persuni fi ħdan il-Knisja, anke għaliex forsi xi kultant dawn jagħmlu xogħol li jħalli impatt fuq il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin aktar minna l-politiċi. Jien napprezza ħafna wkoll lil min għaliex jemmen b’konvinzjoni, forsi llum qed jgħid li ma jaqbilx ma’ dak li qed ngħid jien jew mal-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna. Jien nirrispetta ħafna anke l-fatt li ma naqblux f’dan ir-rigward, għax wieħed għandu dritt ma jaqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Aħna billi għandna l-maġġoranza ma nippretendux li ngħaddu bħal romblu minn fuq in-nies imma rridu nkunu wkoll parteċipi fi proċess demokratiku, anke billi nuru rispett lejn min ma jaqbilx mal-pożizzjoni tagħna.
Fil-fatt irrid insemmi li fl-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna hemm dispożizzjoni li tagħmilha ċara ... Issa din ma kellniex bżonn niktbuha, imma aħna ridna nuru sentiment ta’ lealtà lejn min forsi llum ma jaqbilx ma’ dak li qed ngħid. Jien konvint li anke min illum mhuwiex qed jaqbel magħna, għada pitgħada se jiġi jaqbel magħna għax imbagħad jibda jirrealizza mill-esperjenza stess li meta int tagħti d-dinjità lis-soċjetà tkun qed tagħti d-dinjità lil ħuk, lil oħtok, lit-tifel tiegħek, lit-tifla tiegħek kif ukoll lit-tfal tat-tfal tiegħek li forsi għada pitgħada jista’ jkollhom il-pjaċir li huma wkoll jingħaqdu fiż-żwieġ li llum aħna qegħdin nagħtu l-possibbiltà li jista’ jsir. Madankollu dak kollu li qed nagħmlu llum ma jobbliga lil ħadd u ma għandu jinftiehem bl-ebda mod li qed jobbliga lil xi ħadd li jappartjeni għal xi reliġjon biex jagħmel xi ħaġa li dik ir-reliġjon ma tippermettix.
Issa niġi għall-aħħar punt li rrid nagħmel, jiġifieri għall-fatt li dan l-Abbozz ta’ Liġi tressaq proprju mal-ewwel opportunità li kellna f’din il-Leġiżlatura. Kien hemm uħud mill-Membri tal-Oppożizzjoni li tkażaw b’din l-għaġġla u bil-fatt illi dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie ppubblikat illum. Kif nafu, il-Parlament infetaħ nhar is-Sibt li għadda, u kif kulħadd jaf biex abbozz ta’ liġi jiġi ppubblikat l-ewwel irid jgħaddi l-Ewwel Qari tiegħu. Issa aħna ressaqna l-Ewwel Qari ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi proprju fl-ewwel opportunità li kellna, nhar is-Sibt li għadda, meta ġejna hawnhekk u ħadna l-ġurament ta’ lealtà. Wara li tressaq l-Ewwel Qari, li kien is-Sibt, dalgħodu kienet l-ewwel opportunità biex nippubblikaw dan l-Abbozz ta’ Liġi għax, kif nafu, il-Gazzetta tal-Gvern ma tiġix ippubblikata l-Ħadd.
Dan għamilnieh għaliex aħna ridna li l-ewwel Abbozz ta’ Liġi li niddiskutu u li mmexxu ‘l quddiem f’dan il-Parlament ikun proprju dan l-Abbozz ta’ Liġi, li huwa ta’ ċelebrazzjoni, ta’ festeġġjament, ta’ ugwaljanza u ta’ mħabba. Aħna għandna ħafna liġijiet x’ngħaddu u xogħol x’nagħmlu. Biżżejjed ngħid li għandna l-estimi tal-awtoritajiet li rridu ngħadduhom waħda wara l-oħra minħabba li hemm l-iskadenzi li tirrikjedi l-liġi. Madankollu, aħna ma ridniex ngħaddu l-estimi tal-awtoritajiet qabel ma jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi għax ridna li proprju fl-ewwel ġurnata li niltaqgħu f’dan il-Parlament nippreżentaw dan l-Abbozz ta’ Liġi u ridna wkoll li l-ewwel Abbozz ta’ Liġi li ngħaddu f’din il-Leġiżlatura jkun proprju dan l-Abbozz ta’ Liġi. Għalina din hija xi ħaġa kruċjali. Dan huwa Abbozz ta’ Liġi li lilna jagħmilna kburin li qegħdin fil-ħidma politika u li aħna naħdmu biex nipprovaw nagħmlu soċjetà aħjar. Għalina din mhijiex mossa simbolika imma hija deċiżjoni li titwieled mill-konvinzjoni.
Fil-fatt, Sur President, il-punt li nixtieq nagħlaq bih huwa proprju dak tal-konvinzjoni. Fil-ħajja ma tistax tgħid li taqbel ma’ xi ħaġa u mbagħad tagħmel nofs siegħa titqanżaħ biex tikkritikaha tant li min ikun qed jisimgħek ikollu jistaqsi: Imma dan bis-serjetà qiegħed jitfa’ l-importanza kollha fuq dettall, fuq punt jew fuq xi ħaġa teknika b’mod sproporzjonat, meta dan il-punt jista’ jagħmlu faċilment fi stadju ta’ kumitat?! Meta persuna tirreaġixxi b’dan il-mod tkun qed tinkixef li m’hemmx il-konvinzjoni jew it-twemmin fl-“iva” li tkun qed tgħid. Ara aħna le! Dak li qed nagħmlu, qed nagħmluh b’konvinzjoni għaliex nemmnu li wara li jgħaddi dan l-Abbozz ta’ Liġi s-soċjetà se tkun aħjar milli kienet qabel.
Aħna lil ħutna li sa llum il-liġi kienet tgħidilhom biex iħallu l-imħabba tagħhom wara l-bieb għax ma jistgħux jiżżewġu, illum qed ngħidulhom li jistgħu għax l-imħabba tagħhom hija importanti u hija kruċjali. Madankollu dan kollu ma sarx waħdu jew b’kumbinazzjoni, Sinjura President. Din hija t-tielet leġiżlatura li matulha qed niddiskutu d-drittijiet tal-persuni gay. Qam anke dibattitu dwar id-drittijiet ta’ adozzjoni minn persuni gay, imma din ma kenitx xi ħaġa popolari. Fil-fatt kull meta konna niddiskutu l-possibbiltà li persuni gay jaddottaw, in-nies kienu jiġu fuqna u jgħidulna biex l-ewwel naħsbuha sew, imma aħna konna ngħidulhom ċar u tond li din ma kenitx xi ħaġa li għandna għalfejn naħsbu dwarha għax aħna nemmnu fid-dinjità ta’ dawn il-familji.
Li għamilna, aħna għamilnieh b’konvinzjoni, u allura jien nixtieq nirringrazzja, f’isem il-Gvern, mhux biss lill-Ministru Dalli imma wkoll lin-nies tagħha għax għandha tim formidabbli u tal-ġenn. (Onor. Membri: Hear, hear) Prosit tax-xogħol u tal-konvinzjoni tagħkom! Grazzi ħafna wkoll tmur lil persuna li taħdem ħafna, u tidher mhux għax hija persuna li tħobb tidher imma għax hija persuna kbira fiżikament! Qed nirriferi għall-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech, li huwa kbir daqskemm huwa kbir fiżikament. Nixtieq nirringrazzjah minn qalbi talli meta mmorru għandu u nipproponu liġijiet progressivi li jesiġu bidla fil-ħsieb u fil-mod kif naħsbu, dejjem insibuh hemmhekk bil-pariri studjati tiegħu u b’esperjenza ta’ aktar minn 34 sena fid-dinja legali, xi ħaġa li lilna għenitna immensament. Grazzi ħafna, Sur President, u jien se nkun qiegħed nivvota “iva” b’konvinzjoni favur dan l-Abbozz ta’ Liġi. (Onor. Membri: Hear, hear)
Yüklə 95,21 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©www.genderi.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə